gov.mt

PR261609

PR261609

02/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Kjarifika dwar l-użu tal-fondi tal-UE fil-Programm Nazzjonali tal-Apikultura


​Il-Ministeru jiċħad b'mod kategoriku l-allegazzjonijiet imxandra mill-MEP Peter Agius dwar l-użu ta' fondi Ewropej għall-programm tal-apikultura u l-ġlieda kontra l-bagħal taż-żunżan. Il-preżentazzjoni selettiva ta' ċifri u l-konklużjonijiet li qed jiġu kwotati minnu ma jirriflettux la l-fatti u lanqas il-qafas regolatorju tal-Politika Agrikola Komuni.

 

L-ammont ta' €26,436 imsemmi minn Agius ma jirrappreżentax il-programm kollu ta' Malta għall-apikultura, u lanqas ma kien allokat għax-xiri ta' nases kontra l-bagħal taż-żunżan. Din is-somma tirreferi biss għall-kontribuzzjoni tal-UE fuq perjodu ta' ħames snin għal komponent wieħed marbut mal-ġlieda kontra l-varroa bħala parti mill-Programm Nazzjonali tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti. Skont ir-regoli tal-implimentazzjoni, li joħorġu mill-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta' Malta, li hu maqbul mas-settur u approvat mill-Kummissjoni, nases fiżiċi u metodi kimiċi kontra l-bagħal taż-żunżan huma ineliġibbli taħt dan il-komponent, u għalhekk l-interpretazzjoni li l-Gvern kellu fondi għall-bagħal taż-żunżan u ma użahomx hija żbaljata.

 

Il-Programm tal-Apikultura ta' Malta huwa ħafna aktar estensiv u jindirizza firxa ta' bżonnijiet tas-settur, fosthom taħriġ, assistenza teknika, investimenti fis-saħħa tal-kolonji, riċerka, laboratorji, restocking u miżuri oħra ta' appoġġ. L-użu ta' komponent wieħed biex jiġi ppreżentat bħala l-programm kollu huwa sempliċiment qarrieqi.

 

Fir-rigward tal-paragun ma' Ċipru, il-Ministeru jenfasizza li l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-apikultura huma stabbiliti direttament mir-Regolament (UE) 2021/2115. Malta tirċievi €14,137 fis-sena f'fondi Ewropej, filwaqt li Ċipru jirċievi €169,653. Allokazzjoni tnax-il darba akbar, deċiża mill-UE u mhux mill-Gvern Malti. Għalhekk, l-argument li Malta “għażlet" li tonfoq inqas huwa kompletament infondat.

 

Il-Ministeru jfakkar ukoll li l-bagħal taż-żunżan huwa speċi indiġena li ma tistax tiġi eradikata, iżda teħtieġ ġestjoni koordinata fuq livell nazzjonali, mhux sempliċiment nases individwali f'imġiebaħ. Għalhekk, il-Gvern diġà implimenta miżuri barra l-PAK, inklużi skemi ta' għajnuna finanzjarja fl-2023 u l-2024, taħriġ, gwida teknika, kollaborazzjoni ma' esperti internazzjonali u interventi prattiċi biex titnaqqas l-attività tal-bagħal taż-żunżan.

 

Il-Ministeru qed jaħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-apikultura permezz tas-Sottokumitat tal-Apikultura u qed jevalwa miżuri addizzjonali, inkluż tisħiħ tas-sorveljanza, ġestjoni tal-bejtiet u koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet. Il-Ministru qajjem il-problemi li qed jiffaċċjaw in-naħħala minħabba l-bagħal taż-żunżan fil-Kunsill tal-Ministri f'Settembru sabiex dan is-settur jingħata l-appoġġ meħtieġ.

 

Il-Ministeru għalhekk jikkundanna l-politika ta' Agius bħala wieħed li joħloq allarm bla bżonn u li jippreżenta stampa distorta tal-isforzi tal-Gvern. Il-verità hi li Malta qed tuża l-fondi skont ir-regoli tal-UE, qed tappoġġja lin-naħħala u permezz ta' djalogu kkoordinat qed taħdem biex tiżgura rispons nazzjonali effettiv u sostenibbli għall-isfida tal-bagħal taż-żunżan.

 

Il-Ministeru jibqa' impenjat li jkompli jappoġġja s-settur tal-apikultura, li għandu rwol kruċjali fil-bijodiversità, fil-produzzjoni agrikola u fis-sigurtà tal-ikel ta' pajjiżna.

 

 

​